Thursday 29 June 2017



Tgħidux Li Jien Ribelli.

Tgħidux li jien ribelli,
imqar jekk ma naqbilx,
Jekk ħadd ma jrid jistaqsi
u għedewwa ma jagħmilx.

Tgħidux li jien ribelli
Inkella x’antikwat,
din hija l-fehma tiegħi
miniex żgur iffissat.

Għax issa mank tistaqsi:
jgħidulek għandek żball,
tkun biċċa ħomofobja,
ras iebsa ttrid tinħall.

Iridu t-tnejn jiżżewġu
u jsuru ta’ xulxin,
daqskieku żwieġ kwalunkwe
Għax hekk hu: X’waħda din!

Iridu t-tnejn jiżżewġu,
ħażin mintix favur,
il-ġeneru huwa wieħed,
u d-dinja tibqa’ ddur.

Mhumiex privileġġjati
għax jgidu l’għandhom dritt.
Minn fejn ġabuh nistaqsi,
bla nidħol f’xi konflitt.

Jekk kif tassew qed jgħidu,
dad-dritt minn fejn ġabuh?
Sal-lum ma kienx hemm liġi.
Dad-dritt lil min jafuh?

Għax dan bħal min jiftaħar
bil-ħafna drittijiet
kulħadd qed jippretendi,
u jsiru l-liġijiet.

’Mma jekk ma tkunx il-liġi,
-għax sirt minn kull kulur-
fuq liema blata soda
ser nibnu dan is-sur?

Għalhekk ħabib minn tiegħi
dad-ditt ma jeżistix,
sal-lum m’hemm ebda liġi.
Staqsejt, ma weġibtnix!

Għax jekk hu dritt tal-liġi
jispiċa mhu dritt xejn,
jekk għada jew pitgħada
tinbidel din b’kelmtejn.

U lanqas huwa sewwa
li l-ħtieġa ta’ ftit nies
malajr issir in-norma
u tiknes bħal kennies.

L-iżbal tal-Istat Malti
li jagħmel liġijiet
li ma jolqtux lill-kotra
u jsiru l-ħniżrijiet.

Għax argument imbażwar
li trid tkun inklussiv
ta’ kull min differenti
ukoll jekk sovversiv

ta’ dak li aħna nemmnu
ta’ dak l’hu aċċettat
ukoll kif in-natura
ordnat bla ma żbaljat.

Ħażin għall-Istat Malti
li jħaddan ġewwa fih
il-ħafna minoranzi
u jaqdi minnufih.

Iġibhom f’keffa waħda
u jqegħdhom fuq miżien
l-istess bla distinzjoni
ta’ min, jew x-xeta’ kien.

Alfred Grech
Imnarja 2017


No comments:

Post a Comment