Friday 16 June 2017




Tassew Li Ridt Niltaqgħu?

Tassew li ridt niltaqgħu,
Nitilgħu fuq il-bejt biex ngħoddu l-kwiekeb?
Xħin kont nirranka għalik int reġa’ bdielek.
Biddilt u għalik ilbist misteri ġodda.
Xħin kont insuq fit-triq
Tfixkilt fil-ħsieb ta’ moħħi.
Int bqajt tweġiba għalija li tistenbaħ
Kull filgħodu,
Man-nifs taż-żiffa ġġor it-toqol tagħha
Fil-ġuf ta’ lejl li għadu qatt ma twieled
U tnaqqax fil-penombra tad-dell tiegħi
Ix-xbieha tiegħek.
Int bħal bebbuxu,
Erġajt dħalt ġo qoxortok
Biex qatt ma terġa’ toħroġ.
Tagħtini x’naħseb li kienet biss  ta’ darba
U għaliex il-le mhux minn qaddisek.
Ma tkunx kollok kemm int xħin trabbi l-ġwienaħ
Għalhekk ma togħola qatt ’l-fuq
Jew jekk ittir malajr trid terġa’ lura.
Imbagħad staqsejt ukoll hix dit-triq
Li trid twassalna sas-santwarju.

Alfred Grerch

16/06/2017 

No comments:

Post a Comment