Sunday 18 March 2018



Orpheus.

Issa li sibt il-wiċċ ta’ dis-sbuħija,
ta’ dan is-seħer sfiguranti tal-burdati
fil-qiegħ ta’ mera tħares lejja
irid ikun ħelsien mill-ġdid ta’ kif naħsibha
u kif nitkellem.

Issa li sibt mogħdija għalija waħdi
ta’ kif mingħajr tqanżiħ il-kelma noħroġ
ta’ kif mid-dizzjunarju antik u minsi
nislitha
u nagħmel minnha ħjut f’tapezzerija.

Issa sirt naf kif nislet ħsieb qalil minn ieħor
u nibda kif irrid taħlita nħawwar
fil-mewġ tal-fwieħa tmewweġ filgħaxija
tar-rieħa trewwaħ ir-riħ tagħha
fejn għad titwieled drabi oħra
Arfrodite li toħlom biss l-imħabba.

Issa li sibt kif noħroġ mill-filliera
mingħajr ma nweġġa’ ’l-ħadd
jew nagħmel ħsara.

Issa! Ekwilibrista fl-aħħar ħolma.

Alfred Grech
18/03/2018

No comments:

Post a Comment