Saturday 17 March 2018





Lill-Editur tal-Ħajja f’Għawdex.

Aħna li nagħlaqna f’dil-bużżieqa illi nfaħna
Fejn intom ma tidħlux, ’mma biss tittawlu
Bla ma tisimgħu x’aħna ngħidu
Inkella taqbdu biss il-ħsejjes rimbombanti tal-kliem fieragħ
Bla ma tfissruh;
Għax kliemna doppju sens
Inkella xi parabbola li ngħiduha biss
Lil min jifhimha.

Aħna li qiegħdin fl-istratosfera tax-xintilli
Ta’ arja mżewqa bil-qawsalli
Arja rarifikata li qawwa tagħħa saħansitra
Taqtagħalek nifsek,
Ma rridukomx li taqtgħu minn dis-siġra
Bnedmin imsensla ta’ nofs kedda
Għaliex ibagħad allat issiru
Inkella tgħixu għal dejjem.

Intom se tibqgħu hemm
Tistagħdru f’dik l-għadira ta’ gżira msewwsa
Titbaħbħu fit-tajn medjokri ta’ kuljum
U ttennu l-mantra.

Alfred Grech
17/03/2018


No comments:

Post a Comment