Thursday 8 March 2018





Lilhinn Minn Dad-Deżert.*

Lilhinn minn dad-deżert ta’ ruħ għatxana,
Xħin ma jibqagħlek xejn għaliex tistenna
Jisbaħ l-għada;
Jew tħares lejn li ġej b’għajnejn il-gawwi
Bil-ferħ ta’ sfida li tiġik biex taqta’ xewqtek.
Jien xtaqt li kont għannej sabiex insawwar
Dak l-innu li għad jista’ ismek jgħolli.
Imqar xħin tara s-sema mċajpar bir-riħ isfel
Inkella tara l-qlugħ fuq baħar qiegħed
Mill-ponta tat-turretta b’inqas ħerqa,
Inti tistenna!
Jien miegħek irrid ngħannaq żernieq ieħor
Li jżernaq fuq dal jum li qatt ma jisbaħ
U nerġa’ nistaqsik għall-kemm il-darba:
Lilek li taf it-tweġibiet imdendla
Bħal fil-kwadru ta’ nżul ix-xemx efimeru.
Bħal kieku qatt ma kien u m’hemm xejn aktar
Għajr ħsieb li jisparixxi wara x-xefaq
U nerġa’ niskoprik filwaqt li nifraħ:
Ja mara tal-misteri.

Alfred Grech
08/03/2018

*F’jum Il-Mara

No comments:

Post a Comment