Monday 16 July 2018


Related image

Kemm Se Ddum?

Kemm se ddum ma tiftaħ is-separju
tgħolli d-dublett u tibda’ tisfen
il-Paso doble?
Jien lanqas m’għadni nemmen
fir-rakkont tiegħek biex nistejqer
jew trid toqgħod hawnhekk
biex tilgħab mistoħbija,
ferħa ta’ waħda li taqra l-qsim il-qalb
fuq wiċċ il-baħar ħiemed.
Kemm sejjra ddum ma tiftaħ il-persjana
inkella tfittex il-qassis
biex titlob maħfra?
Tgħid il-biża’ kien biss tal-fatati jew l-uħux
li jisfumaw fi sbieħ il-jum?
Għaliex hemm barra l-kotra
lanqas biss ma tarf x’qed jiġri.
U kemm se ddum tilgħaba din il-logħoba
il-logħoba tat-tlellix u tal-irtokki?
Tgħodd biss lil min idawwar wiċċu
biex iħares u jneħħi l-maskra.
Il-ħarsa tiegħek iva tinfed
u issa li ġejt tfittixni
għandek bżonn min ifissirlek
għaliex ninħtieġ id-dwejjaq
biex nibda’ nifhem.

Alfred Grech
16.07.2018


No comments:

Post a Comment