Saturday 21 July 2018


Related image

Fuq Ta’ Slima, San Lawrenz.

Bil paraxut tiddendel ix-xemx fi ħdan iċ-ċpar il minsi.
F’dawn l-inħawi fejn jgħammar is-skiet tal-fidwa
tghixhu bil jum kull jum li fih teżisti
u s-skiet jinkiser biss mit-tokki ta’ qanpiena
tintona l-għasar, jew it-tisfir tal-użinjol jistenna d-dalma.
Kif tista’qatt dir-ruħ ma tieħux nifs u toħroġ
minn ġol-fosdqa bħal bebbuxi wara ħalba xita
jekk fuq in-art qed tħossha hekk marsusa.
F’din in-nixfa ta’ Lulju li jixwi fuq il-gradi
tkun biss il-fewġa tal-grigal li tiffriska
ir-ruħ tissielet mal-ħsieb lebbiet li qatt ma jċedi.
F’daw’ l mergħat ta’ ħaxix niexef u ħuxlief li jeħel maż-żarbuna
tista’ tinsa, u tħalli wara spallejk ix-xewqa li trid tinftiehem
imqar  ma xi gremxula inkella xaħmet l-art lli tmur tistaħba
hekk kif joqorbu l-ħsejjes.
Il-bniedem biss b’ħidmietu jikser is-seħer ta’ dil mixja
tal-infinit li ma jidħolx fin-nisġa ta’ dak li s-soltu jiġri.
U meta tasal f’tarf l-irdum trid tieqaf hemm
għaliex bħal tibża li l-abbiss li jiġi taħthu jista’ jaħtfek.
Moghħdija sserrep qalb l-għelieqi tista’ twasslek
għax f’daqqa waħda bħal donnok taqta’ qalbek.
Ir-resħa tal-grigal hi biżżejjed biex traqqad is-sensi
u ħin bla waqt intbaħt bil ħtieġa tal-għajnuna.
Jien niġi hawn infittex il-ħsibijiet ta’ qalb ir-raba
qabel l-għajn li qatt ma taqta’ ħesrem tinxef.
Dal-blat ma jġibli ebda nostalġija
għaliex ma fiħx is-sensazzjoni ta’ meta kont ngħix
mingħajr ma naħseb u meta tibda tiela’ t-telgħa
ssib li t-toqol qed jiżdied imqar jekk hemm min jgħinek.
Hawnhekk il-poeżija tiġeu l-ħajja.

Alfred Grech
21/07/2018




No comments:

Post a Comment