Saturday 21 July 2018


Image result for saturn mythology

LXII.
Saturnu jiġi jżurni għall-għarrieda,
U f’daqqa waħda jinżel is-siparju,
U tgħaddi mingħalija l-mewt qerrieda
U nibda tiegħla t-telgħa tal-kalvarju.

Imbagħad tibdew tarawni qed nitbiegħed,
U nħaffer sew fil-baħħ ta’ ġewwa fija,
Nistaqsi lili nnifsi jien fejn qiegħed,
Għax f’sikti jien ma nkunx, tieħdux għalija.

Saturnu jiġi u jagħmel kollox tiegħu,
Iħabbat b’saħħtu l-bieb, biex jidħol ġewwa,
U jekk niqaflu, jġorrni b’kollox miegħu
U jiferx saltna skura ta’ bla ħlewwa.

Fil-baħħ u f’qiegħ l-uġiħ ta’ ruħ għajjiena
Jonfoħ ir-riħ u jdawwar ir-raddiena.

Alfred Grech
30/09/2012

No comments:

Post a Comment