Wednesday 19 August 2020

 Sunset at Dwejra – visitgozo.com

Għaliex Ma ntfajniex Qabel?

 

Għaliex ma ntfajniex qabel

Fil-baħar ta’ skiet mielaħ

F’dal mewġ li jħabbat f’wiċċna

Li rrimettejna l-bieraħ?

 

Għaliex ma ntfajniex qabel

U nsejna kull kliem fieragħ?

Għar-riħ irħejna rwieħna

Mal-petali tal-bieraħ,

 

Inkella tirna fl-ajru

Mat-tajr ta’ dil-kuntrada

U l-friefet li jixxejjru

Mingħajr ma jaħsbu fl-għada.

 

Mal granċijiet jixirfu

Mit-toqob mistoħbija

Tal-blat li qed jittewweb

Il-ħemda ta’ ruħ tishar.

 

Għalfejn ma ntfajniex qabel

Fi nżul ix-xema imdemmi

Fis-sliem li qed jirbombja

Fil-vrus tal-kliem imsemmi.

 

Alfred Grech

19/08/2020.

No comments:

Post a Comment