Sunday 28 April 2019



Related image
Insa’ ż-Żmien.

Insa’ ż-żmien u l-kalendarju,
kollox jerġa’ għal li kien,
toħlom tista’ jew titttewweb
milli tbiddel dak li kien.

Ibni torri fuq ir-ramel
jew inkella tir ’l-fuq,
jew ipprova b’idek tilħaq
sħab fis-sema hekk mitluq.

Għax is-sema fejn kien jibqa’
ma jinbidel ħadd u xejn,
bħal kull ħsieb li jiġi u jitlaq
tinkwetax, għax mhemmx għalfejn.

Hemm il-leħen f’sidrek jgħajjat
għax l-imħabba tagħmel bik.
Dak il-leħen trid tisimgħu
li jirbombja ġewwa fik.

Qed fit-triq tar-rieda t-tajba,
iżda tasal ma tarfx fejn
tibqa’ ħajjtek kollha tfittex
u ma tafx jekk ġejtx għalxejn!

Jekk għad titlaq u ssib ruħek
ġo deżert riġlejk fis-sod,
lejn ix-xefaq, lilhinn minnhu
ibqa’ ħares fiss il-bogħod.

Hemm xtajtiet bil baħar tagħom
hemm bibien mingħajr muftieħ.
Ejja ħdejja għax jien nistiednek
f’din l-oasi tal-mistrieħ.

Alfred Grech
27/04/2019.



No comments:

Post a Comment