Wednesday 24 April 2019


Related image

Kaxxa Tad-Daqq.

Jekk trid tfittex f’kull misteru
U tiskopri minnufih,
Dak li hemm mistur fil-moħbi
Xi jkun dak li jaqa’ r-riħ,

Fit-tifkira tal-imgħoddi,
Hemm is-susa tad-destin,
Bqajt marbuta ma li ġralek,
Tlift il-fil ta’ fejn qiegħdin.

Ried ikun ir-raġel twajjeb
Illi ġabrek fit-telfien,
Iżd’għalkemm għamiltha miegħu
Bqajt m’għaraftx tassew min kien.

Għax inbdilt, ma bqajtx tingħaraf,
Irxuxtajt u qomt mill-ġdid,
Jew bdilt ħajjtek, ma bqajtx temmen
F’dak li jista’ jkun ta’ ġid.

Adalina xbejba sbejjħa
Qed tistenna l-jum sabiħ;
Bi tħejjija xtrat l-għamara
Xtrat senduq, b’dak li kien fiħ.

Kien fiħ libsa, kien fiħ kaxxa
Li ddoqq ħlejju u bla tlaqliq,
Dlonk ġabritha fis ġarritha,
Issuq rota, għal għonq it-triq.

U kif seta’ ħadd ibassar
Kemm hu kiefer id-destin?
Ħabta u sabta d-dinja waqfet
Spiċċa kollox dak il-ħin.

Ħadd ma riedha b’dik il-bixra,
Damet nieqsa xi sentejn,
l-għarus tagħha wkoll telaqha
kollox għab u ġie fix-xejn.

Dakinhar li xtrat il-kaxxa
Kaxxa mdaqqsa biex tindaqq
Kien hemm rabta misterjuża
Ma Giuseppe tabilħaqq.

Hi tassew li saret tħobbu
’Ma kif tgħix ma dax-xitan,
Li hu mimli bil-misteri
Moħbijin wara l-ħitan,

Ta’ dil-villa ssiġillata
Fejn hemmhekk ma jidħol ħadd?
U min kienet dik il-mara?
Ma jsemmieh isimha ħadd.

Ma kull rokna u kantuniera
Il-misteru ma jaqtgħux
Dellijiet ta’ żmien li għadda
Uċuħ fissi u ma jarawx.

U min kienet dik Susannah?
Min qatilha, għidli min?
X’hemm mistoħbi wara l-gideb
Li jirrenja ta’ kull ħin?

Sakemm fl-aħħar fil-quċċata
Ta’ dil-ġrajja x’hemm mistur
Dritt inkixef xħin il-kaxxa
Tajtha l-ħabel, bdiet iddur.

Ħadd u xejn mhu dak li jidher
Ftit tal-ħlewwa u ħafna nkwiet,
Tibqa’ ddoqq sa ma tispiċċa
Sa tintefa’ u jaqa’ s-skiet.

Alfred Grech
23/04/2019

No comments:

Post a Comment