Thursday 9 May 2019


 Image result for sans papiers
Sans Papiers*

Aħna li ġejjin mill-bogħod bla ma ninagħrfu
Mill- mogħdijiet il-qodma
Uċuħ mingħajr fattizzi,
Uħud ta’ mingħajr isem,
Li naqbzu fuqkom bħalma jaqbu l-ħallelin inkiss inkiss  . . .
Nitolbukom saqaf fuq rasna biex il kera jibqa’ jogħla.

Aħna l-barranin bla passaporti
Mingħajr il-karta tal-identita’
Nixxabbtu mal-kanċelli tal-palazzi tagħkom
Nnitolbu ażil.

Aħna eluf fit-truf ta’ xtutkom
Ta’ kull tagħlim, ta’ kull kulur, u kull ilsien
Ġejna biex nieħdu s-sura tagħkom jew nibdluha
Ġejna bl-għeluf u dalwaqt insiru elef t’għeluf
U saħansitra bil-miljuni,
Irridu nsiru l-kotra fuq din l-art mibjgħa
Għal tletin biċċa.

Aħna ġejna hawnhekk ħafjin, bla dar u mingħajr għaxja ta’ lejla
Ġejna hawnhekk nitkarrbu x-xogħol
Tal-isfruttar
Tal- jasar il-ġdid
Sabiex l-imperi jkomplu jikbru.

Aħna ninsabu hawn fostkom
Fil-qalba tagħkom u ma ntbaħtux
Għax tliftu sehemkom, l-għarfien ta’ min intom,
Tliftu qalbkom, tliftu wiċċkom,
U sirtu intom issa ma tingħarfux.

Hawnhekk qiegħdin
Fil-bibien tal-ibliet tagħkom
Fl-ibliet tal-gżira tagħkom
Fil-gżira tal-belt tagħkom.

Għaliex id-dinja nqalbet
Sirna aħna nikkmandaw ir-ritmi l-ġodda
U intom spettaturi ndifferenti
Biex tixhdu li tisimgħu u taraw.

Aħna l-barranin tal-gżira tagħkom
Il-barranin bla dokumenti
Aħna l-irġiel u n-sia ta’ bla saqaf
Iċ-ċorma tat-triqat
Nitolbu l-ażil.

Alfred Grech.
09/05/2019


*Immudellata fuq il-lirika “Sans Papeirs” mill musical “Notre Dame De Paris”.


No comments:

Post a Comment