Sunday 12 May 2019


 Related image


Is-Sensi Jikkargaw.

Is-sensi jikkargaw ma l-għodwa t-tajba,
fis-sejjħa ta’ jum ġdid biex tista’ tħares
lejk stess fil-mera bħalma solitarju
il-qamar jikkontempla lilu nnifsu
u jaħbi wara daharu id-dlam imtenni.
Fil-ħsejjes ta’ filgħodu hemm is-sejjħa
ta’ x’jaf il-bniedem jagħmel bla ma jaħseb,
fis-skiet tal-ħerqa li xi ħaġa jħalli
warajh biex jiftakruh li jiġu wara
u jibdel wiċċ id-dinja u jħarbatha,
u jżid l-iskart, in-nugrufun u l-entropija.
Ix-xita traxxax għad issir dulluvju,
id-dinja tfur u tgħereq taħt wiċċ l-ilma
u kliemna jkun bħal min il-karti jbexkel
tal-logħob li ta’ kuljum ilkoll nilgħabu.
Imbagħad inneħħu wkoll minn fuqna l-għata
u nidħlu għarwenin fis-saltna t’Alla
is-saltna tas-smewwiet, il-ħaqq u s-sewwa.
Adam li b’xewqtu ħabb għall-ewwel darba
sinċier mingħajr ma jaf dak li qed jaħbi.

Alfred Grech
13/05/2019

No comments:

Post a Comment