Sunday 19 May 2019



Related image


Għad Jiġi Żmien. (2)

Għad jiġi żmien li mhux fil-bogħod
xħin ma tistaqsinix
mnejn ġejt u trid tagħmilha ta’ anġlu
u ta’ xitan biex tifhem it-taħbiriet li jmieru lil xuxlin
imqar jekk il-qawsalli issa nsterqu
minn kwiekeb li waqgħu. mid-dekadenti,
u trid tkun tassew int it-trasparenti
daqs nixxiegħa ta’ ilma ġieri
biex tifhem kliem is-serpent li jittradik
u jkaxkrek qalb il-ħmieġ tal-opulenza.
Mill-bqija, tiġġerra kemm tiġġerra
qalb it-toroq ta’ Damasku
qalb it-toroq tal-ibliet u tal-irħula
ta’ dawn il gżejjer iffullati u fgati
qalb l-uċuħ mistħajjla u aljenati
li lanqas biss jingħarfu mit-tallaba.
Jien l-iblaħ f’tarf l-irdum għax m’għamiltx bħalhom
nittallab ftit tad-dawl u tal-ispazju
mingħand id-demiurgi li ma nafomx
ta’ mingħajr maskra
biex fl-aħħar bdejt ukoll intenni magħhom
li dan tassew ħelsien.
In-nies għaddejja u tinbqa’ għaddejja purċissjoni
mingħajr ma taf għalfejn,
mingħajr ma tagħaraf lilha nfisha
għaliex qed tfittex triq il-ġenna li tilfitha.

Alfred Grech.
19/05/2019.

No comments:

Post a Comment