Sunday 3 November 2019

Image result for clown in a circus


Abbissali.

Abissali tkun il-waqa’ ta dawk li joħolqu
l-għamliet, it-tixbiħat, l-imitazzjoni u d-dawrien.
Bħal blokka tal-konkrit
it-terremot fuq gżira żgħira
xħin tisplodi dil-bużżieqa
tal-ekonomija dejjem tikber
fgata bin-nies, bid-dħaħen bil-qatran u bis-siment.

Imbagħad jien u inti
ninġarru mar-riħ tal-isplużżjoni
bħall-weraq tal-ħarifa.
L-għaqal tagħna jkun dak biss
li nżommu għajnejna miftuħin
biex ma jeħodniex in-ngħas tal-loppju -
il-loppju tal-kotra -
jew l-alluċinazzjoni taċ-ċittadini
li jħobbu jgħidu li jobdu l-liġi u jżommu l-ordni.

U jekk jirnexxielna mqar daqshekk
inkunu rbaħna t-taqbida
tal-gladjaturi li sabu rwieħhom
f’nofs l-arena bla ma riedu,
Inkella nagħmlu ta’ bir-ruħna
li sirna buffi f’nofs ta' ċirku
u b’hekk inderru ftit id-dwejjaq
tagħna u ta’ min qed jarana.

Alfred Grech
02.11.2019

No comments:

Post a Comment