Saturday 16 November 2019



Image result for nude woman coming out of the water

Meta T-Tifkiriet.   .

Meta t-tifkriet isiru bħat-tvenvin
tar-riħ li jgħaddi bejn il-fili tal-luċelettrika
imperrċa mal-arbli fit-toroq ta’ nħawi minsija
inkella bħal karozzi mrażżna mill-freni
jwerżqu l-gomom tar-roti jgħaqqdu mal-asfalt
fit-tfittxija frenetika li tirbaħ iż-żmien
jien nibda naħseb biex nerġa’ lura għal għandek
għaliex fi  ħdanek hemm ir-risq u l-hena.
Imbagħad jiġri li nħossu t-tnejn li aħna
il-ħlewwa tirfina bħal ambrosia fuq ilsienna
biex nibdew nissugraw fuq meded ġodda
f’dawk l-inħawi fejn ħadd għadu ma resaq
inkella li minnhom għad ħadd qatt ma reġa’ lura
għaliex ma nistabrux li jista’ jkun hemm xefaq
li tiħqu ma tistax
jew li lilhinn minnu
issalpa ma tistax.
Jien imbagħad insir l-għannej
li nikteb ħafna versi b’nifsi maqtugħ
għax naf li l-pinna ma tlaħħaqx mal-ġiri tal-ħsieb
u quddiem għajnejja ma jifdallix għajr l-era ta’ ġismek
ħierġa bil-mod il-mod
mill-ilma ta’ xatt il-baħar
li qatt ma żort.

Alfred Grech
16.11.2019.



No comments:

Post a Comment