Sunday 17 November 2019



Image result for mournful.

Dirġla.

Daqs bejjiegħ tat-toroq
li jbellagħha lil min ikun
u nsir naf għax xhiex ġejt hawn.
Il-qniepen imdendla ma xra għajnejja
idoqqu trapassar għal ħajja eterna
nistaqsi għaliex għamilt dak li għamilt
u dal-ħsieb ikiddni.
Bħal għannej li żmienhu għadda
quddiem folla għatxana għal tweġiba
quddiem udjenza stramba
li qatt ma setgħet tifhem
u ma jkun xejn jekk mhemmx il-melodija
u kliemhu għandu l-għafja tal-mewt.
Dawl tax-xemx u qtar ta’ xita
fil-mergħat u f’dawk l-għelieqi
fejn iwarrdu l-figuri tad-diskors
incidente di percorso.
Bħal kavallier li għadda żmiemhu
pastur tat-tafal jew tal-karta pesta.
Kif ser noħroġ minn dit-toqba
kif ser noħroġ minn dal-ħabs.
Il-pulmuni poeżija tielgħa u nieżla ma kull nifs.
Imqar meta xebbaħtha man-natura
xorta waħda kien hemm l-id tal-awtur.
Jien kont hemm taħt isem ieħor
taħt il-ġilda ta’ kull ma nlissen.
Raxx ta’ baħar u rgħawa tal-mewt
li jaħbat mal-blat.
Bil-fwieħ tradizzjonali u rima qadima
li għandha minn tal-ġrajja tas-snin.
Issa tista’ tiktibli eleġija
f’tarf il-midfen
hemm, fejn joqgħodu jgħannu l-għasafar.

Alfred Grech
17.11.2019

No comments:

Post a Comment