Tuesday 19 November 2019


 Image result for beautiful woman classical paintings


F’Għajnejk Is-Skiet Tal-Jum Jiżdied.


F’Għajnejk is-skiet tal-jum jiżdied
U d-dlam tal-lejl jitbiegħed minnu,
Buffura riħ li tnaqqaf qiegħa
Jien ħsibt li stajt immiss is-ema b’idi.
Bħal ajkla bdejt nisseqqer
U nilgħab jien mar-riħ
Iżd’int malajr urejtni kif
Bejn qatra u oħra jitkellem l-univers
U kif bejn vers u ieħor
Il-ħolm ma jaqta’ qatt.

Aktarx li fuq il-ħlewwa ta’ ħaddejk
Tintilef il-qawsalla
U d-dawl ta’ elf mitt kewkba
Li ħaddieħor lanqas jara.
Għaliex imqarr fid-dell tas-sħab
Idellel il-biża’ ta’ xi ħaġa li mhix hemm
Issib sbuħija fir-raxx tal-mewġ
U l-baħar li jinbidel f’poeżija.

Xejn aktar ma jkun fieragħ
Daqs il-ħolm li qatt ma ħlomna
Daqs il-ħajja li qatt m’għexna.

Alfred Grech
19/11/2019

No comments:

Post a Comment