Saturday 1 October 2016



Fejn Int Poeta tal-Kadenzi Mżewwqa.

“Fliema vers se teħodni miegħek . . .” (Tarcisio Zarb)

Fejn int poeta tal-kadenzi mżewwqa
Li tpinġi l-qawwa mnebbħa tal-misteri
Bl-ilwien evanexxenti tal-qawsalla
U tagħmel ħwejjeġ faċli mid-diffiċli?

Fejn int poeta ta’ mitt elf kadenza,
Li ttenni r-ritmi ta’ natura mqanqla
Fl-ilsien tal-beraq jew tar-riħ li jvenven,
Inkella fit-tħaxwix tal-weraq niexef?

Fejn int għannej, li ssoltu tgħanni l-għanja
Ma tlugħ ix-xemx taħt sema nkandexxenti,
Li tpespes bħall-għasafar xħin jistembħu
Fil-girja biex kull wieħed jasal l-ewwel?

Poeta ta’ kull lewn u tal-qawsalli,
Idejk mattarli ftit biex leħħa tkebbes,
Għax xrara jiena rrid u nerġa’ nibda
Imżewwaq il-burdati bil-qawsalli.

Alfred Grech
01/10/2016


No comments:

Post a Comment