Saturday 22 October 2016




Qaluli.

Qaluli wkoll li din mhix poeżija,
Qed nikxef wisq min jien, dir-ruħ għarwiena,
U żgur li ser insib min isawwatni,
Għax jaqra moħħi u jaf minn xhiex inbati.
U jien ma nafx jekk din hix poeżija,
Għax jekk mhijiex ser tibqa’ bħal tnegħida
Ta’ ruħ li tħossha fgata u trid tittajjar,
U trid ftit tal-ispazju fejn tinstema’.
U jekk hawn ħadd ma baqa’ biex jismagħha,
U koll jekk qatt ma sabet din, xi rokna,
Inkella sotterran fejn tista’ tidwi,
Trid tibqa’ bħal farfett tittajjar ħielsa,
Bħal fwar ta’ fuq il-ward biex tibqa’ tiela’
’L-fuq, ’l-fuq mis-sħad, fejn min jismagħha
Biss huma l-ftit, inkella huma l-anġli
Li tagħllmu ’l-fuq jogħlew fl-istratosefera.
Tibżax! Ukoll jekk hemm min isawwatni,
Illum il-ġilda drat u sirt impervji
Għalmin irid min dit-tnegħida jagħmel
Sawt jew frosta; u għax illum il-ħarsa
Tiegħi tinsab ’l-fuq minn kull quċċata.

Alfred Grech

22/10/2016

No comments:

Post a Comment