Monday 10 October 2016



Ma Baqgħalix is-Sabar.

Ma  baqgħalix is-sabar
li nikteb strofa ġdida
f’ta’ ħajjti l-poeżija,
għax tlift ukoll l-isfida.

Inħoss li tlift ir-ritmu
u tlift ukoll ir-rima,
ir-ruh timtela’ dwejjaq
u titlef it-tbissima.

Ma baqgħalix il-ħila
fis-skiet tad-dalm inqajjem
l-iħirsa trijonfanti
mill-ġuf ta’ min hu sajjem.

Baqgħali biss it-tama
li għad iqum ta’ siegħa
irwiefen ta’ riħ qawwi
li għad inaddaf qiegħa.

Mill-bqija hawn se nibqa’
poeta tal-qawsalli,
nistenna tiġi s-siegħa
u nifraħ bli fadalli.

Alfred Grech

10/10/2016

No comments:

Post a Comment