Friday 14 October 2016



Hekk Biss Jien Nista’ Nirbaħ.

Hekk biss jien nista’ nirbaħ
Xħin nitlef din is-sura,
Is-sens ta’ ħtija jikber,
F’min mar u reġa’ lura.

Hekk biss jien nista’ nirbaħ
Xħin nitlef din ix-xbieha
U nkun qed ngħix ħajj’oħra
F’burdata li nqum biha.

Xħin jiena kollox nitlef
U niġi nitlob ħniena,
Irbaħt ukoll id-dinja
U sirt dak li mhux jiena.

Bħal nemlu jgerrem ġebla
Bla xejn ma nippretendi,
U lura qatt ma nħares
Sakemm għad din tirrendi.

U jekk xi ħadd jistaqsi
Dwar dak li nemmen jiena,
Araw fejn tmur tistaħba,
Ix-xemx xħin tkun għajjiena.

Alfred Grech

14/01/2016

No comments:

Post a Comment