Wednesday 26 July 2017




X’Ikun Għalik Ifisser.

X’ikun għalik ifisser
Li jkollok lili ħdejk?
Ma nkunx qed jien nisraqlek
Id-dehera l’hemm f’għajnejk?

X’ikun għalik ifisser
Li nimxu t-tnejn flimkien,
Ma nkunx jien qed intellfek
Li tqatta’ l-isbaħ żmien?

X’ikun għalik ifisser
Li tgħidli: Inti biss!
U taf li t-tentazzjoni
Għad tiġi nkiss, inkiss.

X’ikun għalik ifisser
Li tidħol ġewwa sqaq,
Ma tafx kif toħroġ minnu,
Għax sqaq hu tabilħaqq.

X’ikun għalik ifisser?
Ma jkun ifisser xejn.
Għax dan hu destin wieħed
U l-ġrajja tagħna t-tnejn.

Li ltqajna f’din il-ħajja
U ħbatna ma xulxin,
U t-tnejn nistaqsu bdejna:
Tassew! Ħawn fejn qiegħdin?

Alfred Grech

27/07/2017

No comments:

Post a Comment