Sunday 24 September 2017



Ħallieħ  Idum dal-Lejl.

Ħallieħ idum dal-lejl biex qatt ma jiżbaħ
li jieħdok ġo l-abbissi oriġinarji,
fil-firmament tad-dlam u  tal-mistħija
fejn għad hemm jgħammru ħlejjaq primordjali.
Ħallieħ ħa jieħdok ’l-hemm minn dak li jidher
biex tista’ tagħraf aktar u titħallat
mad-dellijiet, uħux u mal-iħirsa
u terġa’ tqum mil-ġdid fl-indifferenza,
moħbija ġo l- rkejjen u fl-irwiewaħ
ta’ djar minsija jarmu l-ħabi tagħhom,
fejn tisma’ ta’ xi barbaġann twerżieqa.
Għaliex mal-lejl titgħallem ħafna xorti
il-bogħod mill ilħna jgħajjtu ta’ filgħodu.
Fis-skiet għad tista’ tisma’ lilek stess titkellem,
ir-ritmi ċelestjali t’ qalb tħabbat,
fiż-żifna planetarja tal- enimmi,
u l-miġja trifonanti ta’ min falla.
Il-bogħod mill-kliem bla bżonn u l-iħna jagħajjtu
ta’ suq li jrid jgħallimna x’għandna ngħidu
ta’ min irid jurina x’għandna nagħmlu.

Alfred Grech

24/09/2017

No comments:

Post a Comment