Sunday 3 September 2017



Għamiltli Labirint.

Għamiltli labirint hekk kif tkun dieħel
sabiex kull meta niġi nfittex lilek, inkella s-sewwa
insibni f’nofs ta’ misraħ qed jirbombja l-iskart tan-nies,
qalb folla imgerrxa qiegħda tfittex
lil min trid temmen, min jagħmel il-mirakli,
f’simulazzjoni differenti li tagħti s-saħħa
f’nofs dan il wied ta’ tmugħ u tnissi kull miserja.

Dawwartni dawra mejt b’ħitan nofs tond
mimlija bit-taħżiż,
u ridtni b’hekk inġib quddiem għajnejja
u nifhem kull misteru.

Dawwartni ċirku tond għaliex qed taħseb
li biċ-ċirkutista- tfissert l-infinit.
U jiena ntlift indur u nagħqad ġo dil-pjazza
imdawwar bix-xbiehat u bil-graffiti.
U nsejt li aktar ġewwa hemm it-tempju,
hemm il qaddis tal-qaddisin.
Għaliex illum fil-folla ntilft, intlift fil-beraħ
u mhux fil maqdes tal-qdusija.

Alfred Grech

03/09/2017

No comments:

Post a Comment