Saturday 16 September 2017



Xi Jkun?

Xi  jkun dak li tibda tara dak li taħseb ma tarax,
Jiġi  f’moħħok li trid temmen li qed tgħix ir-realta’.
X’inhu il-ħolm li dejjem toħlom bla ma tista’ tmiss b’idejk
T ħoss li dak tassew it-tajjeb u trid turi lealta’.

Tkompli ssegwi l-ħolm li toħlom tonfoħ bżieżaq tas-sapun
Taf li tard inkella kmieni se ssib ruħħek bħal mislub.
Għax din mhix  ħlief skuża fjakka biex tinħeba wara l-ħajt
Bla ma tħejji għal kull sfida li għad tiġi bil-maqlub.

Trid tikklikkja fuq iċ-chat link biex titkellem ma xi ħadd
Lanqas taf minn naħħa l-oħra min tassew jirrispondik.
Moħħok timla’ b’ħafna flieles ta’ li jista’ jkun sabiħ
U mbagħad tasal biex tiskopri li xi ħadd kien daħaq bik.

Hux tal-ħsieb jew hux tax-xewqa li jġiegħeluk ittella’ sur,
Dak li tgħid inkella tagħmel mhuw in-nassa biss tal-ħsieb,
Jew dak l’hu bħal dak li kieku jew li hu jew seta’ kien,
Għaliex minnu xejn ma baqa’, landa żibel wara l-bieb.

Tiġi s-sensazzjoni tgħix aħjar jekk titla’ ‘l-fuq mis-sħab
Jew inkella tgħix f’did-dinja bla ma tmiss saqajk mal-art.
Issib ruħħek jgħidu x’jgħidu ma trid tieħu qatt għalik;
Jekk ħażin inkella tajjeb jagħmlu x’jagħmlu tqisu skart.

Toqgħod waħdek f’tarf ix-xtajta: sliem għalik kull min għaddej,
Tgħarrex waħdek bħalma l-gawwi ma jirgħax fuq baħar skur,
Biex mal-mewġ tinġarr kull xniegħa li semagħha minn fejn ġej,
Biex ġo fik int tibqa’ tross  bħal kaldarun li qed ifur.

U hekk ilsir insir bħal qabel ta’ dak kollu li ħallejt,
Tal-kliem sieber, tal-kliem fieraħ, ta’ ftaħir biex ngħaddi ż-żmien.
Narrattiva ta’ binarji maħlulin mill-Jien sfrenat,
Biex hekk naħrab minni nnifsi u nista’ ninsa’ jien min jien.

Alfred Grech.

16/09/2017

No comments:

Post a Comment