Saturday 23 February 2019




Apokalissi.

Għidilna Int Mulej x’għad jibqa’ minn dan kollu,
xħin il magni mxajtna tat-tħarbit jeqirdu sal-inqas roqgħa
xhin l-għorrief u l-għalliema u l-esperti
jsebbħu u jżejjnu kull biċċa ġnien fejn nistgħu niżfugaw.
Ma ddoqx qaniena jekk ma tħallix ir-riħ ivenven
u l-ebda skuża biex tittajjar ma ssib
l-alwetta li tfittex il-mistrieħu l-għena
fil-wegħeda tal-abbundanza.
U x’nagħmlu bil-ġrajja li għada kemm għexniha
u bqajna niftakruha fl-għeruq u l-pedamenti tagħha
mingħajr ma ntennu strofa?
Tist’inti toqgħod tħares lejn ix-xahari tat-tifkiriet u n-nostalġiji
maħruq bl-inkwinament studjat u mmartellat
bil mezzi tax-xandir
fantazma qawwija li fl-għabex
iċċarrat l-istar kosmiku b’difrejn li jaqtgħu aktar minn imqass?
Dan issa sar il-karnival tal-uċuħ ġodda
tal-friefet li jixxejjru u jiddandnu
irridu naqsmu l-ġenn ta’ diskoteka
t’għajnejn li jiflu sew bil-ħars ta’ min għad irid jaħtaf.
Dan issa sar il-ħmar il-lejl ta’ ħwejjeġ mhux magħrufa
mistoqsijiet li jibqgħu biss mistoqsijiet,
ta’ maġistrati milwija taħt il-pis li mank jifilħu
f’dan l-uragan ta’ blugħa u ġenn sfrenat
li jobrom u jaħtaf lil kull min isib quddiemu.

Għalina Mulej kull saħta li tfaqqa
kull dagħwa li tisma’ u ma titkellimx,
il-krib, l-ewforija u l-estasi ta’ min qed jibla’
u dmugħ ta’ min tassew safa’ miġuħ.
Ilkoll inkantaw it-Te Deum Laudamus
minn dawn il-griebeg tal-isfruttar
ta’ lsiera aljenati fl-iskemi affluwenti
għal-qlub tad-demm u l-laħam
dan issa sar loppju divin.
Din hija l-karba ta’ elf sentinella
dan huwa d-diwi tal elf megafon
raġġ dawl  li jdawwal elf torri ta’ Babel
u sejjħa għal merħla mitlufa bla ragħaj.

Alfred Grech
23/02/2019

No comments:

Post a Comment