Tuesday 26 February 2019




Għalhekk Infittxek Jien.

Għalhekk infittxek jiena ja mara ta’ kull lejla
sabiex tkun inti l-poeżija u ttaffili
mid-dieqa ta’ kuljum,
tkun int il-loppju u tbiegħed minn quddiemi
il-kalċi tal-imrar,
il-qilla taż-żmien li jkidd u s-swat li ma jidhirx
iżda li bil-ftit il-ftit jilwilek daharek.

Għalhekk infittxek jien ja mara tal-ewforija
għax miegħek nista’ niżfen il paso doble
u ċ-ċaqliqiet tal-fantasija mal-melodija tal-allat.

Għalhekk infittxek jiena kull filgħaxija
għaliex f’iljieli bħal tal-lum jien nista’ negħereq miegħek
imqar għal ftit tal-ħin
taħt sema mimli kwiekeb ġo baħar l-infinit.

Għalhekk infittxek jiena għax nibża’ li nkun tliftek
kull meta ma tiġix u naħsbek tkun insejtni
u l-ebda ċaqlieqa ma tressaqni lejn il-ġonna tiegħek.
Xi minn daqqiet inħoss it-tqanqiliet mingħajt xintilla
mingħajr ma nkun stenbaħt sabiex
inwieġeb għas-sejjħa.

Għalhekk infittxek jien kull meta ma ssejjaħx
kull meta ma toqrobx
u jien fil-battal ta’ ruhi nħoss in-nuqqas tiegħek
il-baħħ li fih idejja ma jsibux ma xhiex iqabbdu.

Alfred Grech
26.02.2019.

No comments:

Post a Comment