Friday 15 February 2019


Image result for urbanisation of malta

M’hemmx Bżonn Aktar Tas-Sema.


U kien hemm Zeus li beda jinbgħat il-beraq u s-sajjetti
u aħna na ltwejniex
u tlabniek li tibgħat l-ispirtu tiegħek biex huma jinħalqu
u inti ġġedded il-wiċċ tal-art bħalma l-ġiganti
tat-towercranes u tal-buldozers
u l-barunijiet tal kapital miġmugħ
tal-kapital misluf
tal-kapital efimeru
qiegħdein ibiddlu l-wiċċ ta’ dawn il-gżejjer.
U magħhom jiggranfaw
dawk ta’ mingħajr spina dorsali.
il-gwejjda li qatt ma raw flus f’ħajjithom.
inkella dawk li jsejjħu lilhom infushom il-gwardjani
tal-wirt u l-patrimonju ta’ ħaddieħor
u magħhom dawk li jmexxu u jikkmandaw mingħajr mandat
bħal majunetti misjuqin mill-ispag ta’ min hu
tassew bla sinsla.
Imqar jien l-ispettatur il-ħati
tal-vini mblukkati
li jħallat id-demma mal-għaraq ta ġbin dawk li batew
u ġew qabilna li tawna dak li għandna bqajt hawn
nibni jien ukoll il-kastelli tar-ramel
fuq din ix-xtajta solitarja
nikkunsidrahom tilgħin, jinbnew wieħed wara l-ieħor
il grattaċjeli tal-blugħa u tal-frugħa u tal-isfidi
bħal dik is-siġra ta’ mitt sular.

U jien noqgħod hawn inħares lejhom
bħal min iħares lejn xi ħaġa li ħarġet minn xi ħrafa
inkella xi tiżjina li hi barra minn lokha
bħallikieku kien xi taraġ jew axxensur
li jwasslu lejna is-sema.
Intant inħares lejn il bini li hu tiela’
li qed joqrob lejn is-sema, qisu li wara dan is-siment
u dan il-ġebel kollu
lanqas hemm bżonn aktar tas-sema


Alfred Grech
16.02.2019






No comments:

Post a Comment