Tuesday 5 February 2019




Jien Nista’.

Taqa’ d-dalma fuq għajnejk
bħalma jaqa’ s-skiet bil-bjar bla qiegħ
miksura biss mill-infinit
tal-krib ta’ xi qattusa fi sħana ta’ Jannar.
Jintfew il-kwiekeb fuq baħar qiegħed
u jistordi l-qamar kwinta ċċassat
fis-sema ta’ bla sħab.
Jien nista’ mkun id-dell intruż
li jtellef il-ħemda bil-ħsibijiet ivenvnu.
Jien nista’ nibda’ nimxi wkoll fuq wiċċ l-ilma
mingħajr ma nemmen l-għandi ħila,
Jien nista’ nitlob dak li naf
li qatt ma nista’ naqla’.
Jien nista’ nibqa’ hawnhekk nixtarr
il-ġenna fl-art li qatt ma kienet
għax issa imdawwar bid-dell
ta’ min ma jimpurtx mis-saħħa ta’ ħaddieħor
mill-grattaċjeli u mill-bini sfiguranti
jisfida’ l-omnipotenza
li jużurpa saħansitra s-skiet tal-ispettatur.

Lejla kiesħa ta’ sema mbikki
ta’ qamar jistaħba ġo sema bla lwien,
erġa’ rxoxta d-dellijiet ta’ dawk li ġew qabli
ukoll jekk issa ħarbu u nħallu fid-dlam
u reġa’ waqa’ s-skiet f’dawn l-inħawi
tar-ruħ fejn għada tkun tintradam
bil-ħsejjes, bis-swied il-qalb
u fit-terrapein tal-ħerba spjetata.

Alfred Grech
06.02.2019

No comments:

Post a Comment