Thursday 7 February 2019

Image result for angst


Mhemmx Għalfejn.

M’hemmx għalfejn tkun twila dit-tnehida
imqarr jekk il-ħsejjes ta’ madwarna idewwbu xi ftit
mis-senna tax-xafra li taqta’ das-silenzju
fit-talb li ma jasalx.
Tista’ jekk trid itterraq fuq ir-riflessi tal infinit
u ma tixtieqx li jerġa jisbaħ l-għada bir-rakkont tal-jum ta’qabel
iżda għad jiġi zgur u qabel tistennieħ
u ssib il-bieb li minnu tista’ tgħaddi għan-naħħa l-oħra.
Imbagħad jekk bħali trid li tgħix
f’inħawi oħra ta’ dan l-univers
fejn r-rakkonti ta’ kuljum mhumiex għajr ħrafa
dan l-univers hu kbir daqshekk li jesa’ l-ħsibijiet u x-xewqat kollha
li jista’ qatt ikollok.
Issib ukoll li kull kanċell u kull siparju li jinżel jew jingħalaq
mhuwiex għajr id-dalma li tinżel wara l-għabex
ta’ jum għajjien f’kull lejla li tistiednek tishar iżjed milli tiflaħ
biex tinsa t-triq li tkun terraqt u terġa tibda’ toħlom
ħolm ġdid fejn il-binarji tal-ferrovija li qatt ma rkibt
iwassluk lejn il-kanali primittivi li ħasbu u ssingaw l-iħirsa tal-imgħoddi
li tagħhom la baqa’ fdal u lanqas marki.

Alfred Grech

07/02/2019

No comments:

Post a Comment