Monday 1 August 2016



Xħin ngħid li jiena ħieles

Xħin ngħid li jiena ħieles . . .
Bħal xewqa li tkun tfawwar fuq ix-xifer
Bħal berqa li taħrablek xħin taħkimha
Bħal ħsieb mingħajr ħitan li l-ħin skadielu
Bħal dak li ma ltaqax mas-sieħba tiegħu
Għax setgħet tibqa’ xbieha ċellulari.

U jiena x’ġejt infittex
F’dal-beraħ ta’ bla żiffa?
Ġejt infittex ftit tas-skiet
Ġejt infittex lili nnifsi
Ġejt infittex ftit tan-nifs
Ġejt infittex il-ħelsien
Ġejt inrabbi ġwienaħ goffi
Biex nittajjar mal-ħolqien.

Hawnhekk jibqgħali l-wisa’
Fejn nista’ noqgħod ħdejk
Int, li għalik dal-versi saru
Bħat-tajra ta’ bla isem.

Xħin ngħid li jiena ħieles int fejn tkun?
Ma tkun imkien. Ma tkunx qed tistennieni,
Ma tafx fejn jien u lanqas tiġi miegħi
Fuq nifs is-sħab imċarrat.

Xħin ngħid li jiena ħieles. . .
Niddendel mal-kwiekeb u niżra’ l-waqtiet
Nissemma lill-baħar itenni din l-għanja
Li tidwi ġol-għerien.

Xħin ngħid li jiena ħieles. . .
Int lanqas biss tarani
Nittajjar fuq kull warda
U neħles minn kull xkiel. . .
Xħin ngħid li jiena ħieles. . .

Sa ninża' kull ma nkun liebes.

Alfred Grech
Ta’ Slima, 17-08-2014



No comments:

Post a Comment