Monday 26 September 2016



Fil-Baħħ u x-Xejn Jittieħed ta’ Din l-Għodwa.

Fil-baħħ u x-xejn jittieħed ta’ din l-għodwa,
Indifferenti l-kosmos għall-li jiġri
Ma jitkellimx taħt sema nkomprensibbli,
Ix-xemx li tfittex ’l-għada terġa’ titla’.
U tibda ta’ kulljum tiskatta bħali
Burdati li jagħmlulek differenza.
Il-fewġa’ tibqa’ tilgħab siekta, siekta,
Titniehes ma dak kollu li jmeriha.
Stennejt li nsibek hawn fuq dix-xaqliba
Tal-qasma primordjali li ġabitna
Lit-tnejn fuq naħħa waħda hawn skjerati,
In-naħħa tat-tajbin, inejjer bħali,
Il-palm, ir-rand u taż-żebbuġ il-weraq
F’din l-għodwa t’innoċenza trijonfanti.

Tgħid terġa’ miegħi titla’ fuq din l-għolja
Biex tara jekk l-irxoxt għadux jitbissem?
U tgħid ukoll kull pass l-għamilt biex tasal
Kien hekk meħtieġ sabiex isseħħ il-fidwa?

Int tibqa’ għalija dak l-omnipotenti,
Taqlib il-moħħ fuq Tabor risplendenti,
U jiena mbagħad sabiex did-dieqa negħleb
Tax-xejn mhu xejn, irrid mill-ġdid ninbidel
U nsir l-ekwilibrista li kont dari
U naf li jekk tisgarra ftit riġlejja
Ma jkun hemm ebda xibka li tilqagħni.

Alfred Grech

26/09/2016

No comments:

Post a Comment