Saturday 10 September 2016



Maċ-Ċaqliqiet Rotundi.

Maċ-ċaqliqiet rotundi
Ta’ ċrieki ġewwa ċrieki
Li tagħmel kull taqtira
Li taqa’ minn ħaddejk
Jitltaqgħu ċrieki kontra tal-qtar tiegħi
Fuq wiċċl-ilma li issa sar qanqil f’taħdida ħierqa.

Jien għadni fil-benniena
Ta’ dak li konna ħlomna
U għadni ta’ kuljum inġorr
It-tifkiriet fil-qoffa
Ta’ dak li seta’ kien
Li kieku ma sfidajtx
U mort lil hinn minn fejn stajt nasal.

Għad jgħaddi ħafna żmien
Biex joqgħod xi ftit l-ajru
U l-baħar inkurlat isib il-medja tiegħu.

Sadanittant, fiċ-ċrieki kontra ċrieki kontra ċrieki
Erġajt sibt ir-rutina
T’eternita mingħajr ċaqliqa.

Alfred Grech

10/09/2016

No comments:

Post a Comment