Monday 5 February 2018



F’Dal-Ġranet Mitbiela.

F’dal-ġranet mitbiela ta’ xitwa mitwija
Tħares għalxejn fuq wiċċ żernieq iżernaq
Biex tiraq ftit tad-dija.
Għodosna wisq fil-ħmieġ u l-iskwallur
Ta’ devozzjoni mhix imnebbħa
Biex nintebħu li hemm barra hemm dinja oħra
Fir-rifuġju tal-midinbin li jmur jinħeba
Taħt sema zvinturat li jiżvanixxi wara x-xefaq.
Is-sentinelli tar-ronda u tal-ħolm ikrah
Bħal Ħuna l-Kbir jogħdsuna f’ħalq l-abbissi
Tax-xejn li bħal kull ħaġa sar jiġġebbed.
Irridu nqumu minn dan-ngħas li jġorrna miegħu
Li jġorrna mal-kurrenti ta’ kulljum fuq friex imħarbat;
In-nagħas ta’ ferrovija fuq binarji
Ma jwasslu għal imkien, u lanqas tiġi lura.
Jien issa nibda nfittex illi naħrab
U ma nkunx hemm xħin tergħu issejjħuli
Biex lanqas inkun xhud ta’ li jiġri,
Infittex is-serħan alluċinanti
Fid-duħħan ta’ narrattiva li tistordi.
Jien bqajtx hawnhekk fil-ksieħ ta’ lejl u xitwa efimera
Waqt li l-oħrajn mitlufa fil-bankett
Għax kienu jgeddsu u mingħalihom daħlu l-ġenna.
Il-ġenna qiegħeda hawnhekk
Xħin tagħmel xewqa.

Alfred Grech

05/02/2018

No comments:

Post a Comment