Monday 12 February 2018




Jannar.

F’dal ġranet ta’ Jannar ta’ xitwa skomda
imdendla stalaktiti bħalma sħab
jiddendel ma sema ndifferenti
ir-ruħ tistenna għalxejn il-fidwa ta’ fewġet il-grigal
biex tgħid li mhix f’sikkitha.
Ħalliel iż-żmien li jiżloq bla jrodd lura
mal-blat żellieq tal-eżistenza 
u jisirqilna mqar ix-xewqat tal-innoċenza.
Kif, għidli kif naħtfu ftit tad-dija­?
Għax aħna li twelidna verġni
għodosna wisq ġol-iskwallur
ta’ devozzjoni mgħawwġa u mhix imnebbħa.
U x’jagħmel il-poeta li jsib ruħu
itambar l-istess tnabar illi jqajjmu mill-imwiet?
Kif ser ifisser li fin-nebħ hemm dina ġdida
li ma tintlaħaq qatt fl-istorbju u fl-affluwenza?
Il-fuq hemm sema evanexxenti
fl-għabex tal-eklissi ta’ bla xefaq
fejn jitwieżnu u jisparixxu bħall-iħirsa,
l-allat li kkastigawna.

Alfred Grech
12/02/2018.

No comments:

Post a Comment