Wednesday 14 February 2018



Il-Lejla Għannaqni.

Il-lejla ngħannqek waħda mhux minħabba
Il-kesħa, iżda minħabba l-bżieżaq t’arja pura
Li joktru ġewwa fija u qatt ma jaslu.
Jinfaqgħu mhux fil-wiċċ
Iżda minħabba r-rassa tad-dwejjaq u tan-niket.
Il-lejla ngħannqek miegħi mhux għaliex
Inħoss il-morsa tas-solitudni qed tissikka
Inkella għaliex ninħtieġ il-ħolm sabiex inderri
Iżd’għaliex tassew irrid li ngħaddi minn ġol-wied
Ta dell il-mewt u inti tkun is-sieħba tiegħi.
Għalhekk il-lejla rrid mingħandek biss tgħannieqa
Mingħajr ma tlissen kelma waħda
Mingħajr il-ħtieġa ta’ xi ħarba.
Ersaq lejja u għannaqni
Flimkien immissu l-kwiekeb
U nilgħabu mistoħbija mal-qamar qalbu sewda
Li jaf bid-dnubiet kollha tagħna li għad irridu naħfru
Lil xulxin.
Jekk ma tgħannaqnix il-lejla
Kif ser niftakrek għada.

Alfred Grech
Jum San Valentino 2018


No comments:

Post a Comment