Tuesday 6 February 2018



M’Jiniex Dak Li Qed Tara.

M’jiniex dak il-waħdieni li qed tara
U lanqas ma jien dak li tkellmu fuqi
Għax dawk ma jafu xejn u lanqas inti
Ma qiegħda tara sewwa. Għax inbidel
Il-kopjun, inbidlu wkoll l-atturi,
U jekk tistsaqsi lili jien min jiena
Miniex żgur dak li taħseb li qed tara.
U dak li tara lili qiegħed nagħmel
Hu biss ix-xeneġġjat f’dan it-teatru
Li sibtni qed ġo fih bla ġejt mistoqsi.
Għalhekk, jekk trid xi darba toqrob lejja
Trid l-isfel tħares f’dan il-bir bla ħerża
U jekk ssib li l- qiegħ ma wiċċek jaħbat
Malajr tintebaħ. Dak li qed tarani
Nagħmel, dak, mhux jiena, u ma nafx lanqas
Min jista’ jkun li qed jimpusturani,
Jagħmilha attaparsi li kont jiena-
l-attur li f’żaqqa waħda nesa l-parti tiegħu.

Alfred Grech
10-01-2012


No comments:

Post a Comment