Saturday 10 February 2018




Xi Jġiegħel tqum?

Xi jġiegħelek tqum filgħodu u toħroġ barra
minn taħt i-friex tisfida l-ħajja assurda
taħt sema ġriż, fir-riħ, taħt xita nieżla
tinxteħet mal-kurrent ta’ nies għaddejja
bħal wied li jgħaddi jkarkar mal-bankina
u tbiddel il-burdata
ta’ qtugħ in-nifs, t’insuffiċċjenza?

Inkella ma tqum xejn u toqgħod hawn
għar-rdoss tal-fehma rikorrenti
li xejn mhux ġdid, li xejn mhu xejn u xejn mhu se jinbidel
li għad xi darba ssib għall-mistoqsija
tweġiba, li hekk u hekk biss int taf tgħix il-ħajja?

Xħin jerġa’ jiġi l-lejl u ssib li xejn ma nbidel
għajr-iż-żmien li bħall-kurrent ikarkar mal-bankina
baqa’ għaddej
u din ukoll mhix illużżjoni
hi l-eżistenza.

Alfred Grech

10/02/2018 

No comments:

Post a Comment