Sunday 25 February 2018



Issa li Leħinna.

Issa li leħinna weħel fi griżmejna
u l-għannej sabi ruħu waħdu
jleflef fir-raġġi aljenanti
tal-imrieżaq.

Issa li l-leħħa m’għadiex tgħaddi
mill-ħitan ħoxnin tal-kranju
biex tibgħat il- messaġ
li hawn ukoll qed ngħixu.

Issa ntbaħt ukoll
li int mhux lili tħobb
iżda l-għanja li toħroġ minn ġox-xquq imtarrfa
ta’ dan il-kjażmu abbissali
li tmis il-pern tar-ruħ.

U tifhem? Xi trid tifhem?
Ma tifhemn qatt u xejn,
kullħadd bil-fjamma tiegħu
dad-dawl xegħelnieh għalxejn.

Issa inti wkoll titniegħes u titmelles u titmiegħek
mal-fwar qaddis tal-fwieħa ferriħija
tal-poeżija ta’  bla ħjiena u ma tagħmel ebda ħsara.
Inti terġa’ lura tiġi bħalma ġejt f’żernieq il-għodwa
riekba fuq żiemel bajda.

Alfred Grech

25/02/2018

No comments:

Post a Comment