Thursday 20 December 2018





Dan Tagħna.

Dan tagħna se jibqa’ thewdin ir-ruħ
ta’ ħmar il-lejl li qatt ma stenbaħ
għax ngħidu li se nagħmlu u qatt ma nagħmlu
dak li ngħidu, nixxenqu biex niltaqgħu
taħt is-sigra, taħt il lampa f’tarf it-triq
iżda qatt ma naqbżu ċ-ċint
tal-bitħa tagħna nkella l-ħadid tal-ġnien
ta’ quddiem id-dar li jżommna bħal ħabsin
imgħarrqa fit-thewdin ta’ ruħ mixgħufa
u fl-għamad tal-konfini tal-abbissi li fassalna
aħna stess fit-taqlibiet u l-baħħ jirbombja ta’ moħħna
u nibqgħu ngħidu l’hemm futur qed jistenniena.

Dan tagħna huma biss xewqat moħbija
u magħsura li ngħiduhom lilna nfusna
fil-biża l-hemm xi ħadd li qed jismagħna
għaliex dawn mhumiex xewqat li ttennihom
fid-dawl tax-xemx jew taħt qamar li qed jibki
għalkemm nafu jappartjenu lill kull wieħed
u kull waħda.

Issa xħin nixjieħu nkella nixbgħu
ntennu l-litaniji inti tħobbni
jien inħobbok u mingħajrek ma ngħaddix
nitgħallmu mantri ġodda bl-istess ritmi
u bl-istess rima iżda jidhru aktar friski
għax mhumiex il-ħlejjaq tagħna
iżda huma l-aħħar maskri tal-uċuħ
ta’ nies il qedem imlibbsin is-sorpiżi
u l-istupur tan-nies moderni.

Alfred Grech
20/12/2018

No comments:

Post a Comment