Saturday 22 December 2018




Gaġġa.

Din hi l-gaġġa li sawwarna
Din hi s-sodda tas-serħan,
Ivvintaw mill-ġdid ir-rota
Iżda kollox kien duħħan.

Din l-imbierka t’inflazzjoni
illi magħha ma tlaħħaqx
hija l-mostru tas-suq ħieles
pjaga din, ma tingħalaqx.

Din l-imbierka t’inflazjoni
bdew jogħlew il-prezzijiet,
għalxejn bassru l-bosta esperti
qatt ma sservi, l-paga bdiet.

Bil-ftaħir li dejjem tikber
dana kollu bżar fl-għajnejn,
Dan il ġid u dan il-ħela
staqsi ftit, u dan minn fejn?

Nafu żgur li qiegħdin ngħixu
bil-jiem tagħna magħdudin
kolp ta’ baħar, suq jikkraxxja
jaqa’ kollox, x’waħda din!.

Issa qalu m’hawnx biżżejjed
lil min jistgħu jimpjegaw
u biex tkompli ddur ir-rota
barranin qed jinvitaw.

Iżda din l-ekonomija
li trid tikber, iffissaw,
u tintefaħ bħal bużżieqa
għad tinfaqa’ ’ssa taraw!

U ngħid jien f’dal-pajjiż ċkejken
daqs qaqoċċa iffullat
x’għaqal hu li lill barrani
tagħti sehem xħin kollox fgat?
Alfred Grech
22.12.2018


No comments:

Post a Comment