Sunday 30 December 2018





Parousia

Jien nerġa’ niġi lura għal darb’oħra
indoqq ir-ritirata , u bħal bebbuxu
li jidħol ġo qoxortu u fih innifshu
sabiex fis-skiet tal-kamp nissemma noqgħod
għall-ħsejjes tal-ħlewwiet u tal-isfidi
u ruħi ma nagħtix b’mirbuħ nintelaq iżda
maż-żiffa li ftit ftit fit-tarf tressaqni
f’idejja n-nar divin li sraqt mill-għolja
tal-allat u b’dik il-leħħa ta’ berqa
f’idejja nkompli nikxef is-sigrieti
u l-ħiliet li bħaż-żubruni jitilgħu
minn qiegħ l-abbiss bħaż-żejt li jgħum f’wiċċ l-ilma.
U jiena nkun dak l-anġlu li nażżarda
ngħid li ma nobdix, lanqas mhu se nservi.
U hekk insir mhux jien iżda x-xintilla
mill infinit li ma jobdix il-mixi
lejn tmiem tal univers fi tranżizzjoni.
Hekk insir naf tassew min jiena, jiena
u għall-liema mistoqsija rrid inwieġeb,
u hemm fis-skiet tar-ruħ naf nirrispondi
għall-leħen li jikkmanda.

Alfred Grech
30/12/2018

No comments:

Post a Comment