Sunday 9 December 2018


Related image

Euridice.

Għax qed inħoss il-passi tal-iħirsa
iġorru t-toqol tagħhom li fih twieldu,
il-ktajjen li mal-art ifesdqu l-jasar.
Qed negħerqu fir-rutina ta’ jum ieħor,
ta’ xjuħ fuq tlett saqajn, ta’ si sibilla
li fuq trepied taf tbassar il-ġejjieni
inbaħħar  bid-duħħan alluċinanti
bħat-tfal imwielda mwieżna fuq il-krozzi.

Kull xħin inżurek togħma bħal tal-oqbra
u ninżel ġol abbissi ta’ żmien ieħor.
Xjaħt eminenza griża ta’ ħarruba
tintebaħ bit-tikmix ta’ fuq il-ġilda
jiżdied filwaqt li s-saħħa qiegħda tonqos.

Nistaqsi jekk u kemm hu ż-żmien li fadal
sakemm inżurek nerġa’ taħt il-ġebla,
inkella barra dan, hemmx xi żmien ieħor.

Alfred Grech.
09/12/2018.

No comments:

Post a Comment