Saturday 18 March 2017



Illum Diffiċli Nilħqek.

Illum diffiċli nilħqek ja sultana
Li tiġi meta trid, għax mort tiġġerra
Il-bogħod il-fuq mis-sħab, lilhinn mill-qċaċet
U lili hawn ħallejtni waħdi negħereq
Fid-dwejjaq, fl-iskwallur u d-dipressjoni.

Inħallu kollox għal darb’oħra mela,
U l-leħma li bħal xrar, leħħiet ta’ beraq
Għad tiddi fuq id-dlam ta’ ruħi mkasbra.
Jien xbajt infittex kliem ma nafx xi jfisser
Niżvoga, niċħad, nieħu n-nifs u nerġa’ naqa’
Fid-dożi zgħar ta’ kliem u dożi akbar
Ta’ dan is-skiet li bih inħobb niddawwar.

Tgħid tgħanni għad dik l-għanja tal-imħabba
Li ġiet bil-fors, spiċċat fid-delużjoni,
U għax dgħajjef, inkapaċi jew għax ġifa
Bqajt hawn biex nirreżisti ż-żmien imperreċ,
Inċappas ma xuftejk tad-dnub mitt wegħeda.

Alfred Greh

18/03/2017.     

No comments:

Post a Comment