Tuesday 14 March 2017




118.

M’għadekx tagħtini dehxa wara l-oħra,
Kull meta fuq din l-art tal-innoċenza,
Bħal xita traxxax fuq il-bjut li jibku
Idejk tiftagħom, tħaddan l-ewforija.
M’għadekx taħsadni bħalma taħsad berqa
Fl-iljieli twal mudlana u solitarji,
Kull meta nibda naħseb li ser naqbad
Il-vjaġġ it-twil, fis-skiet, fl-indifferenza.
Jien qatt ma stajt nitgħallem triq għal għandek,
Għax triqti kienet dik fejn int kont sejjra,
U meta sibt li wqaft mill-mixi tiegħek
Hemmhek kien tarf it-triq, u t-tnejn weħidna,.
Nixtarru hawn f’dax-xatt fejn qatt ma konna
Il-frak tal-kwiekek jaqgħu, waħda waħda.

Alfred Grech

14/03/2017

No comments:

Post a Comment