Friday 17 March 2017



X’Inhu Jdejjqek Kavallier.

X’inhu jdejjqek kavallier li sehemek hu t-taqbida.
Ewwilla taqta’ qalbek int li rajt il mewt għallkemm il-darba
Li tħares f’wiċċ l-għedewwa qisek tħares f’wiċċ il-mera.
Ewwilla għajjejt illum li tlajtha kemm il-darba t-telgħa tal-kalvarju?

X’jista’ jdejjqek kavallier li ttarraft għall-kemm il-darba
Issibu tqil il-pass li jmiss
It-toqgħod tal-imgħoddi jagħfes fuqek bħal madmad illi jliġġem?

U mnejn hi din it-tnehida ta’ qtigh il-qalb?
Isa ja kavallier urina l-ħila tiegħek.
Għax jista’ jkun tassew li ż-żmien qed jagħmel tiegħu,
ix-xabla li fl-imgħoddi kienet tinfed
ixxelfet bit-twegħir
u l-korazza li dejjem kienet tilma’ issa ddalmet bis-sadid.

X’jista’ jdejjqek kavallier tal-avventuri.
Dik ruħek għad tittajjar fuq l-imtieħen,
U tħares l-isfel fuq dawn il-qabda nemel
Isegwu l-purċissjoni,
Dawn il-ħafna li mingħalihom qed iżommu l-kolonni
Tal-ħaqq u tal-ġustizzja.

X’jista’ jdejjqek kavallier?
l-għedewwa kollha rbaħtom
baqgħalek għadu wieħed,
li huwa int innifsek.

Alfred Grech

17/03/2017

No comments:

Post a Comment