Friday 3 March 2017



Inħares Lejk Xħin Titlaq.

Inħares lejk xħin titlaq
Bħal ċpar ta’ filgħaxija
Xi minn daqqiet nitilfek
Fil waqfien interminabbli
Tat-traffiku f’pajjiżna;
Xħin nibda’ ngħid xi posta tar-rużarju
U ħsibijieti jgħaddu ferrovija li bqajt ma lħaqtx,
Li tieqaf biss xħin nieqaf naħseb.

F’din l-għodwa mbikkama u mlibbsa
L-ansjeta’ tal-eżistenza
Ma moħħi taħbat kemm il-darba
Kif int u jien tgħallimna ż-żmien nisirqu
Kull waqt li ħrabna ħarba u xħin għereqna
Fil-baħar tas-sbuħija.

Din ġenna li tinkwadra l-ħabs
Li bnejna aħna stess filwaqt li konna
Qed nieħdu nifs il-ġewwa mhux imniġġes
Mid-duħħan tal-meżżi diġitali.

Fit-tbissima tiegħek
Jien ngħaddi mill-meries tal-purgatorju,
Mill krib ta qalb imqarrqa,
U mit-tortura taċ-ċaħda.

Alfred Grech

03/03/2017

No comments:

Post a Comment