Wednesday 29 March 2017



Filgħodu.

Din għodwa bħall-oħrajn li ġew qabilha,
Vaguni kkuluriti, nirkbu magħhom.
Kull meta tqum rewwixta l-mistoqsija
U tara s-sħab fis-semna l-poeżija.

Mgħobbija ħsibijiet u mimli biża’.
Dan hu filgħodu ieħor, baħar qiegħed,
Battal bħal kull fil-għodu li ġie qablu
Mingħajr it-tlugħ ta’ xemx kif mistennija.

Eklissi tal-infern, epifanija
Mingħajr iċ-ċerimonja, l-għodwa t-tajba,
Mingħajr it-tlugħ ta’ xemx filgħodu mtenni
Reżurrezzjoni din bħal ta’ qabilha.

Bil-ħsejjes tal vetturi taħt it-tieqa,
Ta’ sriedaq ma jidnnux u daqq ta trombi,
Ta’ klieb li ma jinbħux u nies titkellem
Jum ieħeor bħall oħrajn dawk li ġew qablu.

Jien ngħid li ma kienx hemm għalfejn nistembaħ
M’hemm xejn x’tistenna ġdid, jew x’tista’ tagħmel.
Jum ieħor bħall-oħrajn, m’hemm xejn x’tistaqsi
U xorta waħda jkolli nqum, mis-sodda noħroġ,

Biex nieħu sehem f’ritwal u x’jitlob minni
Dal-kukt ta’ qassisin bla vokazzjoni,
Ta’ qafas bla taħżiż li bnew in-naħal
Din għodwa bħall-oħrajn li ġew qabilha.

Alfred Grech

20/03/2017

No comments:

Post a Comment