Tuesday 4 April 2017



Biżżejjed Kien Għalik.

Biżżejjed kien għalik in-nida ta’ filgħodu
Tal-wegħda mdennsa li xi darba kont għamiltli
Fl-intensita’ ta’ bejn tmellisa u oħra,
Fil-qawwa tal-buffura,
Li taqta’ l-għatx ta’ kull deżert u tnaddaf qiegħa.

Biżżejjed tkun għalija
Id-daqqa t’għajn misruqa,
Biex lili terġa’ ssalva minn kull ħtija
Minn kull tidwir esaġerat li nieħu
Kull meta miegħi stess intellaq it-tiġrija.

In-nifs tal-istennija hu aktar qawwi
Mir-riħ li jonfoħ mill-grigal
Mitluf fis-sotterran ta’ kull dilemma
U skiet il-kwiekeb jinfed
L-inħawi l-aktar fondi
Ta’ qiegħ il-baħar.

Imbagħad jekk jibqa’
Ħallili ftit mill-ġenna tiegħek,
Il-biċċa li ma tkunx tinħtieġ il-kliem
Sabiex tfissirha.


Alfred Grech

No comments:

Post a Comment